Profil - Għaqda Mużikali San Girgor

L-Għaqda Mużikali San Girgor ta’ Kerċem taf it-twelid tagħha f’Ottubru tas-sena 1997. Wara diversi tentattivi biex tiġi ffurmata għaqda muħikali, din il-ħolma mmaterjaliħħat ruħha nhar il-Ħadd, 19 t’Ottubru 1997 meta saret laqgħa ġenerali għal dan il-għan.

F’dawn is- Snin ta’ ħajja, l-Banda San Girgor għexet diversi ġrajjiet ta’ mportanza kbira. Fost dawn wieħed jibqa’ jiftakar żgur il-ġurnata tal-5 ta’ Lulju 1998, meta ġew għal l-ewwel darba fir-raħal l-istrumentatura ġdida li qiegħda tintuża mill-Banda. Dawn imbgħad ġew imbierka mill-Isqof t’Għawdex, Mons. Nikol ġ. Cauchi fis-7 ta’ Lulju 1998 fost il-ferħ kbir ta’ l-ewwel Kumitat, alljievi u l-poplu ta’ Kerċem.

Mingħajr dubju ġurnata li tibqa’ mnaqqxa fil-moħħ u fil-qalb ta’ kull min għandu għal qalbu l-Banda tagħna hija l-5 ta’ Lulju 1999 meta l-Banda San Girgor semmet għal ewwel darba l-leħen tagħha waqt quddiesa ċċelebrata mill-Isqof t’Għawdex Mons. Nikol ġ. Cauchi. Kienet okkażjoni ta’ ferħ kbir, kemm għal bandisti tagħna, kif ukoll għal poplu tar-raħal tagħna li ra l-isforzi ta’ kulħadd iħallu l-frott tagħhom. Min dawn l-ewwel passi l-Banda qatt ma’ ħarset lura. Il-progress kemm fit-tagħlim u t-taħriġ fl-arti tal-mużika, kif ukoll fl-amministrazzjoni qatt ma’ waqaf. Taħt it-tliet presidenti li mexxew l-Għaqda tagħna tul dawn snin - il-mibki Raymond Mercieca, Emmanuel Grech, u Dr. Joshua Grech din għamlet passi kbar ‘l quddiem. Is-Soċjeta’ Bandistika tagħna bdiet tieħu sehem fil-festi li jiġu ċċelebrati fir-raħal tagħna, kemm f’ġieħ San Girgor il-Kbir kif ukoll f’dawk kontitulari f’ġieħ il-Madonna tas-Sokkors. Barra min dan, il-Banda tagħti s-sehem tagħha f’kull qasam ieħor kemm ċivili u reliġjuż. Barra mir-raħal tagħna, l-Banda San Girgor ħadet sehem kważi fl-irħula kollha ta’ Għawdex. L-istess Banda tista’ tiftaħar li daqqet ukoll f’Malta. F’Diċembru 2003 l-Banda San Girgor daqqet ukoll fil-belt ta’ Orvieto fl-Italja u ġewwa t-Teatro Mancinelli tal-istess belt. Dak inhar il-Banda San Girgor ħarġet tassew bl-unuri kollha u kellha kliem ta’ tifħir min kull min kellu x-xorti jkun fl-istess teatru.