Programm tal-Festa tal-Madonna tas-Sokkors | 01-Jul-2016

PROGRAMM TAL-FESTI SOLENNI F’ĠIEH

IL-MADONNA TAS-SOKKORS

Meqjuma fis-Santwarju Parrokkjali Ta’ Kerċem 

30 ta’ Ġunju sal-10 ta’ Lulju, 2016

 

Il-Ħamis, 30 ta’ Ġunju – l-ewwel jum tan-Novena - Jum il-Familja 

7.00p.m.:       Quddiesa mmexxija minn Dun Alex Refalo, Kollaboratur Parrokkjali.   Għal din il-quddiesa huma mistiedna l-familji tal-parroċċa, b’mod speċjali dawk il-koppji li żżewġu f’din l-aħħar sena kif ukoll dawk li din is-sena qed jiċċelebraw il-25, il-50 u s-60 anniversarju taż-żwieġ tagħhom.  Mistiedna wkoll l-għarajjes li temmew il-mixja tat-tħejjija għall-ħajja taż-żwieġ u l-familja.  Il-quddiesa tkun bis-sehem tal-Banda San Girgor flimkien mal-Kor tat-tfal tal-Parroċċa.

Wara l-Quddiesa, ix-xbieha devota tal-Madonna tas-Sokkors titqiegħed taħt il-mant tagħha, akkumpanjata mid-daqq tal-Banda San Girgor. 

 

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Lulju - it-tieni jum tan-Novena

Jum l-Adoloxxenti u ż-Żgħażagħ

7.00p.m.:  Fl-okkażjoni ta’ Jum ta’ Kerċem 2016, il-Kappillan Dun Brian Mejlak imexxi l-quddiesa tan-Novena.  Ikunu preżenti l-membri tal-Kunsill Lokali u l-quddiesa tkun b’suffraġġju tal-eks kunsillier Saver Grech.  Preżenti wkoll il-kumitat u l-membri tal-Għaqda Armar Madonna tas-Sokkors li qed ifakkru l-25 sena mit-twaqqif tal-Għaqda.    Mistiedna b’mod speċjali l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tal-parroċċa.  Mario Caruana janima l-kant tal-Quddiesa.

8.30p.m.:       Fl-okkażjoni ta’ Jum ta’ Kerċem 2016, maġenb il-Knisja jittella’ kunċert mill-Orkestra u l-Kor Stella Maris taħt id-direzzjoni ta’ Mro Carmel P. Grech.  Jingħata Ġieh ta’ Kerċem 2016.  Waqt il-programm, l-Għaqda Armar Madonna tas-Sokkors tinawgura mafkar fi Triq Franġisk u Roża Camilleri, sabiex jiġi kkommemorat l-anniversarju speċjali tal-25 sena mit-twaqqif tal-għaqda. Dan il-mafkar inħadem ġewwa Centro Aletti f Ruma.

Is-Sibt, 2 ta’ Lulju – it-tielet jum tan-Novena u l-aħħar Sibt tal-Madonna

 Jum il-Ħajja

7.00p.m.:       Quddiesa minn Dun Anton Teuma, delegat ta’ Mons Isqof għall-ħidma fost il-familji.   Għal din il-quddiesa huma mistiedna l-familji li kellhom tarbija f’din l-aħħar sena u dawk li qegħdin jistennew tarbija.  Jiġi amministrat is-sagrament tal-Magħmudija lil Zaac, bin Mario u Renese Borg.  Wara t-tqarbin issir il-preżentazzjoni tat-trabi lill-Madonna tas-Sokkors.  L-intenzjoni tal-quddiesa tkun b’suffraġġju tal-membri tal-parroċċa li f’din l-aħħar sena għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. 

 

Il-Ħadd, 3 ta’ Lulju – ir-raba’ jum tan-Novena  - Jum il-Ġenerożita

10.30a.m.:     Dun Michael Galea, Assistent Direttur tal-Arka Respite Centre jmexxi l-quddiesa bis-sehem ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali li jiffrekwentaw dan iċ-ċentru mmexxi mill-Knisja f’Għawdex.  Wara jkun hemm bibita ghal dawn il-persuni b’diżabilita fis-Sala San Ġorġ Preca.

 

It-Tnejn, 4 ta’ Lulju – il-ħames jum tan-Novena

Jum il-Ministerjalità u l-Volontarjat

7.00p.m.:       Quddiesa mmexxija mill-Kappillan Dun Brian Mejlak, Direttur Djoċesan tal-Abbatini, li fiha ssir il-vestizzjoni ta’ tliet abbatini ġodda.  Il-quddiesa tkun bis-sehem ta’ dawk li qed jaqdu xi ministeru jew qed joffru xi servizz fil-parroċċa.  Id-Djaknu Michael Grima jagħmel l-omelija tal-okkażjoni.

Wara l-quddiesa l-E.T. Mons Isqof Mario Grech ibierek Sala San Ġorġ Preca li ser isservi bħala ċentru għall-abbatini tal-parroċċa. 

8.30p.m.:       L-Ikla tal-Festa, fi Triq l-Avukat Anton Calleja bil-parteċipazzjoni ta’ talent lokali u mużika minn DJ Mario Theuma.  Imexxi l-Kav. Joe M. Attard.  Biljetti: parroccakercem@onvol.net jew 21551355.

 

It-Tlieta, 5 ta’ Lulju – is-sitt jum tan-Novena  - Jum it-Tfal

7.00p.m.:       Il-Kappillan Dun Brian Mejlak imexxi quddiesa bis-sehem tat-tfal tal-parroċċa. 

8.45p.m.:    Programm Mużikali 'Inauguratio', fi Pjazza Orvieto, mtella’ mill-Banda San Girgor li tkun taht id-direzzjoni tas-Surmast Mark Gauci. Jiehu sehem ukoll il-Kor tat-Tfal tal-Parroċċa. Il-programm ikun taħt il-patroċinju tal-E.T. il-President tar-Republika Marie-Louise Coleiro Preca li fi tmiemu tinawgura s-Sede Uffiċċjali tal-Għaqda Mużikali San Girgor ‘Palazzo Celio' li wara jiġi mbierek mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech. 

 

L-Erbgħa, 6 ta’ Lulju – l-ewwel jum tat-Tridu - Jum l-Anzjani u l-Morda

7.00p.m.:       Konċelebrazzjoni mmexxija mis-saċerdot novell Dun Mario Curmi.   Wara l-priedka tat-Tridu jingħata s-Sagrament tad-Dilka tal-Morda lill-anzjani u morda preżenti li jkunu jixtiequ jirċievu dan is-sagrament. Wara l-Quddiesa jmexxi l-Barka Sagramentali Dun Franġisk Sultana, Rettur tal-Knisja ta’ Santa Luċija. 

Fit-tlitt ijiem tat-Tridu jippriedka Patri Marċello Ghirlando u wara l-quddiesa tat-tridu tingħad il-Kurunella, jitkanata l-Innu Ave Maris Stella, l-Antifona Beatam Me Dicent u tingħata l-Barka Sagramentali. 

8.30p.m.:       Attività soċjali fi Triq l-Avukat Anton Calleja

 

Il-Ħamis, 7 ta’ Lulju  

Jum l-Emigranti u r-residenti Kerċmin li joqogħdu barra l-parroċċa

7.00p.m.:       Konċelebrazzjoni mmexxija mis-saċerdot novell Dun Joseph Attard.  Wara l-Quddiesa jmexxi l-Barka Sagramentali Mons Ġużeppi Grech. Wara l-emigranti u Kerċmin residenti barra mill-parroċċa huma mistiedna għall-bibita fil-bitħa tad-dar tal-Kappillan.  Ma’ dawn huma mistiedna wkoll ir-residenti barranin li joqogħdu fil-parroċċa.   

9.30p.m.:       Dimostrazzjoni bl-istatwa taż-Żewġ Padruni xogħol ta' Michael Camilleri fil-1996, li din is-sena sarilha xogħol ta' restawr, u anke l-ewwel fażi tax-xogħol ta' dekorazzjoni u induratura.  Jieħdu sehem il-baned 'San Ġużepp' t'Għajnsielem u 'Santa Marija' taż-Żebbuġ. 

12.00a.m.:     L-istatwa tittella’ fuq il-pedestall fi Pjazza Salvatore Busuttil u wara jintwera feature awdjo viżiv fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors.  Wara jsir l-għeluq b'wirja ta' logħob tan-nar sinkronizzata mal-mużika fl-istess pjazza.

 

Il-Ġimgħa, 8 ta’ Lulju - it-tielet jum tat-Tridu

 JUM IS-SOLENNITÁ TA’ OMMNA MARIJA TAS-SOKKORS

 Jum l-Għaqdiet tal-Parroċċa

7.00p.m.:   Konċelebrazzjoni mmexxija mis-saċerdot novell Dun Massimo Buttigieg.   Wara l-quddiesa jmexxi l-Barka Sagramentali d-Djaknu Michael Grima. 

9.00p.m.:       Pyrofantasia... spettaklu pirotekniku uniku ta’ logħob tan-nar  mill-kamra tan-nar 12th May ta’ Ħaż-Żebbuġ.   Dan l-ispettaklu ser jinħaraq bis-sistema diġitali u professjonali Pyronyx.

Wara l-ispettakklu tibda d-Dimostrazzjoni bl-istawa tal-Madonna tas-Sokkors, xogħol tal-artist Wistin Camilleri (1946) li titlaq minn Triq Għajn Tuta akkumpanjata mill-Banda San Girgor u mill-Banda Prekursur tax-Xewkija.  Din is-sena huwa s-70 anniversarju ta’ din id-dimostrazzjoni.

12.00a.m.:     L-istatwa tal-Madonna tittella’ fuq il-pedestall tagħha fi Pjazza San Girgor b’marċi u innijiet marjani.

 

Is-Sibt, 9 ta’ Lulju

Il-31 anniversarju ta’ l-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari

7.30a.m.:       Quddiesa Solenni tat-Te Deum immexxija minn Dun Franklin Vella, Kollaboratur Parrokkjali.

Mill-5.00p.m. sat-8.00p.m. ikun hawn konfessuri barranin għall-qrar

6.45p.m.:       Translazzjoni Solenni mmexxija mill-E.T. Mons Pawlu Cremona, Arċisqof Emeritu ta’ Malta.  

7.00p.m.:       Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-E.T. Mons Pawlu Cremona, flimkien mal-Kleru tal-Parroċċa.

Wara l-Quddiesa jmexxi l-Barka Sagramentali Mons Girgor Grech.

9.30p.m.         Marċ mill-Banda San Girgor minn quddiem is-sede tagħha fi Pjazza Orvieto u minn Triq Kerċem jitlaq marċ mill-Banda Ċittadina Leone.  Iż-żewġ baned jingħaqdu flimkien fi sfilata ta’ marċi fi Pjazza San Girgor u Triq Anton Calleja.

12.00a.m.:   Spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar tal-art, mill-kamra tan-nar ‘Madonna taċ-Ċintura’ tal-Gudja, diversi armaturi mekkanizzati ġodda,  mudell ta’ karozza dragster li ser jikkompeti biex jinkiser rekord nazzjonali bil-qofol tal-ispettaklu jintlaħaq bi ħruq ta mudell ġdid tal-knisja parrokkjali li ser ikun mekkanizzat b’effetti oħra ta’ dwal u nar

Il-Ħadd, 10  ta’ Lulju - Jum il-Festa

Il-quddies ikun fis-6.00a.m., 7.00a.m., 9.00a.m., 11.00a.m. u 6.00p.m. (Qrar: mis-6.30 sal-11.00a.m.)

9.00a.m.:       Pontifikal Solenni mmexxi mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech fejn wara l-Vanġelu jwassal il-messaġġ tiegħu tal-okkażjoni. Tiġi esegwita l-quddiesa ‘in Honorem Assumptionis B.M.V’ mill-mużika tal-Cappella Mons Martin Portelli, bis-sehem tat-tenur Joe Buttigieg, is-Sopran Ġorġina Gauci u l-Baritonu Pio Dalli flimkien mal-kor u l-orkestra. 

11.30a.m.:     Marċ brijuż u popolari mill-Għaqda Mużikali Sant’Antnin ta’ Birkirkara minn Pjazza Orvieto lejn Pjazza San Girgor.  Fi Triq Anton Calleja jsir il-briju popolari organizzat mill-Kummissjoni Marċi Brijużi sakemm il-marċ jiġi fi tmiemu quddiem iċ-Ċentru 8 ta’ Lulju.

7.00p.m.:       Il-komunitá parrokkjali tinġabar fil-knisja biex flimkien tfaħħar ‘l Alla u lill-Verġni Marija bit-talba ta’ l-Għasar.  Imexxi  l-Kappillan Dun Brian Mejlak. 

7.30p.m.:       Marċ mill-Banda Mnarja tan-Nadur fi Pjazza San Girgor

8.00pm.:    Mal-ħruġ tal-Purcissjoni, il-Banda San Girgor iddoqq l-Innijiet "Succurre Miseris" ta’ Mro. Mark Gauci, versi ta’ Dun George Mercieca u "Sokkors tal-Bnedmin - Sultana tal-Kerċmin" ta' Mro. Profs. Joseph Vella u versi ta' Joe Grima.  Wara ssellem lill-Madonna tas-Sokkors bl-innu Alla Beatissima Vergine del Soccorso, kompożizzjoni ta’ Mro. Willie Attard u versi ta’ Ġuże Serafino Cutajar, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Mark Gauci, surmast direttur, bis-sehem tal-kor, it-tenur Mario Portelli u l-Baritonu Pio Dalli.

Purċissjoni fit-toroq tal-Parroċċa bl-istatwa titulari tal-Madonna tas-Sokkors (1897), immexxija minn Mons Karm Borg, bis-sehem tal-kleru tal-parroċċa, il-fratellanzi u l-Banda San Girgor li takkumpanja b’marċi reliġjużi u marjani.

8.30p.m.:       Il-Banda Mnarja tan-Nadur tesegwixxi programm strumentali minn fuq il-planċier fi Triq San Girgor immexxija minn Mro Joseph Grech, surmast direttur.

10.00p.m.:     Il-Banda Mnarja tilqa’ x-xbieha tal-Madonna bid-daqq tal-Ave Maria minn fuq il-planċier bis-sehem tas-sopran Christabelle Formosa.   Il-Banda San Girgor flimkien mal-poplu ssellem lix-xbieha tal-Madonna tas-Sokkors fid-dħul tagħha fis-santwarju parrokkjali, permezz ta’ innijiet popolari.  Wara dħul solenni tal-istatwa devota ta’ Ommna tas-Sokkors bil-kant tal-Antifona Beatam me Dicent.   Tingħata l-Barka Sagramentali mill-E.T. Mons Isqof Mario Grech.

 

Il-Mużika tat-Tridu, lejlet u nhar il-festa tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro Carmel P. Grech, Maestro di Cappella, bis-sehem tal-Kor u l-Orkestra Stella Maris flimkien mal-Kor tal-Parroċċa ‘San Girgor’.

Fejn mhux indikat mod ieħor, matul il-ġranet tan-novena, ikanta l-Kor tat-tfal tal-parroċċa taħt id-direzzjoni ta’ Christabelle Formosa. 

Il-Banda San Girgor tkun taħt id-direzzjoni tal-Mro Mark Gauci P.G.C.E., B.A. (Hons.) F.L.C.M., LL C.A. Mus.L.C.M.

In-nar tal-ajru huwa tal-kmamar tan-nar 15 t’Awwissu, Virtu Fireworks u 12th May.

Il-funzjonijiet kollha ta’ matul in-novena u tal-festa ser jiġu mxandra fuq Radju Sokkors fuq il-frekwenza ta’ 95.1FM. 

 

ILKOLL IMĦEĠĠA BIEX

NIĊĊELEBRAW FESTA NISRANIJA BILLI

NATTENDU GĦAN-NOVENA U T-TRIDU

U

NERSQU GĦAS-SAGRAMENTI TAL-QRAR U T-TQARBIN