L-Aħħar tislima lid-Direttur Spiritwali Dun Lino Vella | 05-Feb-2017

Il-Ġimgħa 3 ta' Frar fil-għodu għall-ħabta tal-għaxra ħarġet l-aħbar li d-direttur Spiritwali s-Saċerdot Dun Lino Vella mar jiltaqa mal-missier fis-saltna tiegħu, wara li kien ilu ftit jiem fil-kura intesiva tal-isptar Mater Dei fl-eta' ta 55 sena.

Il-Kumitat kien involut fl-oragizzazjoni tal-funeral mill-bidu sal-aħħar, dan wara li l-president offra s-servizz tal-Banda u l-għajnuna kollha possibbli f’isem il-kumitat lill-Familja Vella.  Il-Ġimgħa fil-għaxija delegazzjoni mill-kumitat iltaqgħu mal-familja Vella fejn ġie mfassal il-programm tal-Jum tas-Sibt il-ġurnata li fiha kellha tkun l-aħħar tislima lil Dun Lino. Wara dan il-programm ġie diskuss f’laqgħa tal-kumitat li ssejħet b’urġenza. Waqt il-laqgħa kien hemm ix-xewqa li l-ġisem mejjet ta’ Dun Lino jkun espost fil-Każin tagħna l-post fejn Dun Lino ħadem u stinka ghalih sabiex ikun dak li hu llum u għalhekk ġie deċiż li jkun espost fis-sala tal-kumitat.

Il-Jum tas-Sibt kien jum differenti minn tas-soltu Jum ta' luttu,  l-attivita fil-każin kienet waħda mpenjattiva sabiex kollox imur kif ipjanat il-kamra tal-kumitat inbidlet f’kappella żgħira fejn kellu jkun espost Dun Lino għall-madwar siegħa.  Fis-2.15pm il-Banda skjerata quddiem il-kazin bdiet ddoqq il-marċi funebri u dak il-ħin tfaċċa għall-aħħar darba t-tebut fejn ġie milqugħ minn salut tal-murtali li l-istess kumitat ħa ħsieb jordna.

Wara l-korteo funebri telaq lejn il-Knisja Parrokkjali fejn fit-3.00pm bdiet il-quddiesa funebri mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech u minn għadd kbir ta’ Saċerdoti, il-qari tal-lezzjonijiet kienu wkoll f’idejn il-membri tal-Għaqda taghna l-ewwel lezzjoni inqrat minn Dr Joshua Grech u it-tieni lezzjoni mis-Sindku u bandist Mario Azzopardi, fl-aħħar tal-quddiesa inqrat tislima lil Dun Lino mill-Kumitat mill-Bandist Michael Azzopardi u Poeżija mill-Bandist Michael Grech.  Wara membri tal-kumitat tagħna refgħu għall-aħħar darba t-tubut ta’ Dun Lino mill-knisja lejn il-hearse fost iċ-ċapċip tal-nies preżenti. 

Il-kumitat u l-familja Vella jixtiequ jroddu ħajr lil kull minn kien ta' sapport f'dawn il-mumenti ta' dieqa fit-telfa tal-għażiż tagħna Dun Lino.